Malta tipparteċipa fil-Berlin Green Week

Reference Number: PR170123, Press Release Issue Date: Jan 21, 2017
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes attenda l-International Green Week ġewwa Berlin, avveniment li jagħmel parti mill-impenji ewlenin fil-bidu tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE. Din l-esebizzjoni internazzjonali hija kkunsidrata bħala waħda mill-akbar wirjiet agrikoli li ssir fl-Ewropa bil-parteċipazzjoni ta’ bosta pajjiżi minn madwar id-dinja. Malta wkoll kellha stand f’din il-fiera fejn kien hemm eżebiti prodotti tipikament Maltin.
 
Roderick Galdes kellu diversi laqgħat u diskussjonijiet importanti bi preparazzjoni għal-laqgħat tal-Kunsill li se jsiru waqt il-Presidenza Maltja. Is-Segretarju Parlamentari Galdes kien mistieden jagħmel diskors f’ konferenza dwar is-saħħa tal-majjal u l-biosigurtà fl-Unjoni Ewropea, imtellgħa mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Copa-Cogeca u l-European Livestock and Meat Trading Union. Waqt din il-konferenza ġiet diskussa l-firxa tal-African swine fever, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija f’dan il-qasam.
 
Is-Segretarju Parlamentari pparteċipa wkoll f’dibattitu dwar il-Cork Declaration 2.0  biex jissaħħu l-komunitajiet rurali. It-tema ta’ din id-diskussjoni kienet li dawk preżenti jagħmlu skambju ta’ ideat sabiex l-aspirazzjonijiet mniżżla fil-Cork Decleration isiru realtà. Roderick Galdes tkellem dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni, id-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-bdiewa Ewropej, u kif hemm bżonn li nissimplifikaw l-amministrazzjoni agrikola.

Huwa kellu laqgħat ukoll mal-Ministru Ungeriż Sandoz Fazekas, mal-Ministru Olandiż Martijn Van Damme, u kif ukoll mal-Ministru Sloven Dejan Zidan, li lkoll żaru l-esebizzjoni Maltija.