Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes jippresjedi l-ewwel Kunsill tal-Ministri

Reference Number: PR170144, Press Release Issue Date: Jan 24, 2017
Ilbieraħ, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes ippreżenta programm ta’ ħidma u ta’ xogħlijiet lill-Kunsill tal-Ministri. Dan kien l-ewwel kunsill tal-ministri ippresedut mill-Presidenza Maltija fil-bini l-ġdid tal-Kunsill, Europa Building.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-prijoritajiet ewlenin fil-qasam tal-agrikoltura huma li jsegwu bir-reqqa s-sitwazzjoni tas-swieq u tan-negozjati, kif ukoll li jaslu għal deċiżjoni dwar il-produzzjoni agrikola, il-foresti, ir-reżistenza antimikrobika u l-mediċini veterinarji. 

Fil-qasam tas-sajd, il-Presidenza Maltija se tiffoka fuq l-adozzjoni ta’ numru ta’ liġijiet li jinkludu l-pjanijiet multiannwali, il-flotot tas-sajd esterni u l-miżuri tekniċi.

Roderick Galdes żied li s-swieq qegħdin jirkupraw bilmod, però għad fadal ħafna bdiewa li xorta qegħdin isibu xi diffikultajiet. Huwa qal li l-Presidenza Maltija se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni u lesta tieħu passi konkreti jekk tinħass il-ħtieġa.

Fil-Kunsill tal-Ministri ġew diskussi wkoll l-aħħar żviluppi fis-swieq agrikoli, l-implimentazzjoni tal-Milk Package, kif ukoll ir-rapporti dwar il-laħam tan-nagħaġ.

Il-Ministri saħqu dwar l-importanza tal-kummerċ għas-settur agrikolu u l-benefiċċji li jista’ jħalli l-ftehim ta’ kummerċ ħieles, fis-settur agrikolu. Madanakollu insistew dwar il-ħsara li tista’ sseħħ f’każi ta’ ftehim mhux bilanċjat jew ta’ ftehim dirett mal-kompetituri.

Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes informa lill-ministri dwar il-konsegwenzi tal-Avian Flu u dwar l-eżitu tal-40 konferenza tad-Diretturi tal-Aġenziji tal-Pagamenti.