Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes jipprezenta l-prioritajiet tal-Presidenza Maltija fil-Kumitat dwar is-Sajd gewwa Brussel

Reference Number: PR170171, Press Release Issue Date: Jan 26, 2017
Fi Brussell, ġewwa l-Parlament Ewropew quddiem il-Membri tal-Kumitat dwar is-Sajd (PECH) is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes preżenta l-prijoritajiet tal-Kunsill tas-Sajd li ser ikun qed jippresjedi għas-sitt xhur li ġejjin. 

L-Onorevoli Roderick Galdes fetaħ id-diskors tiegħu billi qal li “L-Ewropa għandha bżonn momentum ġdid, u l-Unjoni Ewropea għandha tkun aktar viċin il-popli tagħha, u tikkomunika b’mod effettiv il-miżuri ‘mportanti li qed tieħu biex tipprovdi opportunitajiet aħjar għaċ-ċittadini tagħha li jagħtuhom iċ-ċans jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jirnexxu fihom”

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-prioritajiet għall-Presidenza Maltija f’dan il-qasam ser ikunu li nilħqu livelli ta’ sostenibilita`, l-addozzjoni ta’ numru ta’ liġijiet li jinkludu l-pjanijiet multi-annwali, il-flotot tas-sajd esterni u l-miżuri tekniċi; il-pjanijiet dwar in-North Sea u ħut pelaġiku żgħir fil-baħar Adrijatiku.

Dwar il-livelli ta’ sostenibbilita`, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li l-Presidenza Maltija ser tagħti sostenn lill-Kummissjoni fuq l-istrateġija bl-isem ta’ Medfish4ever.  Din l-istrateġija ser tilħaq il-milja tagħha b’Konferenza Ministerjali ġewwa Malta f’Marzu li gej. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li naħdmu id f’id ma’ pajjiżi li ma jifformawx parti mill-Unjoni Ewropea biex flimkien nkunu kommessi Politikament dwar it-triq ‘il quddiem lejn sostenibilita` tal-istokk tal-ħut u fuq kollox sabiex ikollna s-settur tas-sajd b’saħħtu kemm jista’ jkun.

Fuq l-addozzjoni ta’ numru ta’ liġijiet, l-Onorevoli Galdes qal li fil-kors tal-Presidenza Maltija ser nippruvaw niksbu mandat sabiex il-Kunsill tal-Ministri ikun f’pożizzjoni li jibda n-negozjati mal-Parlament Ewropej. Dan jirrikjedi ħafna ħin u riżorsi.

Il-Presidenza Maltija qiegħda tistenna wkoll diskussjonijiet elaborati fuq il-flotot tas-sajd esterni mal-Parlament Ewropew. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-flotot tas-sajd esterni jistgħu jiġu ‘mtejba u għaldaqstant il-Kunsill tal-Ministri taħt it-tmexxija tal-Presidenza Maltija ser taħdem sabiex ikun hemm test ibbilanċjat li jiggarantixxi kjarezza imma fl-istess ħin inaqqas piżijiet amministrattivi.

Fil-Kumitat tal-PECH l-Onorevoli Galdes kien ukoll iffaċċjat minn numru ta’ mistoqsijiet mressqa mill-Membri Parlamentari Ewropej fosthom dwar sajd ta’ skala zgħira, affarijiet marittimi, il-kwota tal-pixxispad, sajd tal-qiegħ u Brexit.