Mistoqsijiet rigward l-iskema dwar il-ħsarat li seħħew minħabba l-maltempa fuq art agrikola.

1) X’miżuri qiegħed jieħu d-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali wara l-maltempata li ħakmet il-Gżejjer Maltin bejn is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 ta' Frar 2019?

Id-Dipartiment, fil-jiem li ġejjin, ser ikun qiegħed jagħmel studju, fuq firxa nazzjonali, tad-danni li saru fis-settur tal-biedja kawża ta' din il-maltempata. Sabiex isir dan, Uffiċjala mid-Dipartiment ser ikunu qegħdin iduru numru ta' għelieqi u rziezet madwar Malta u Għawdex biex jieħdu stampa aktar ċara tad-danni li saru. 

2) X’tip ta’ ħsarat se jiġu evalwati?

Id-Dipartiment ser ikun qiegħed iħares lejn żewġ tipi ta' ħsarat:

  • Danni materjali – jiġifieri ħsarat lill-istrutturi tal-bdiewa u r-raħħala, bħal serer, tined, clotches, u ħitan tas-sejjieħ;
  • Telf tal-uċuh tar-raba'.

3) Uffiċjala mid-Dipartiment iridu jżuru l-għalqa/razzett tiegħi biex ningħata għajnuna? 

Le. F’din L-ewwel fażi l-eżerċizzju qiegħed isir biss sabiex issir evalwazzjoni tad-danni. L-informazzjoni li ser tgħaddi lill-Uffiċjala mhux ser tintuża sabiex tiġi determinata għajnuna lill-individwi iżda biex issir stima nazzjonali.

4) Ser ikun hemm għajnuna għall-bdiewa li ġew affettwati minn din il-maltempata?

L-informazzjoni li qed tinġabar ser tiġi użata sabiex jiġu mfassla u mnedija skemi ta' għajnuna. Id-dettalji ta' din l-iskema u linji gwida għal kif bidwi japplika ser joħorġu fil-futur qarib.

5) X’tip ta' għajnuna jista’ ikun hemm?

Hu maħsub li ser ikun hemm għajnuna li tindirizza żewġ tipi ta' danni kkaġunati mill-maltempata:

  1. Għajnuna minħabba danni materjali li setgħu ġarrbu strutturi jew makkinarju;
  2. Kumpens għal telf tal-prodott li kien qed jikber u ntilef parti minnu jew kollu kaġun tal-maltempata. 

6) X’tip ta’ proċedura ser tiġi mħaddna għall-iskema ta' għajnuna?

Filwaqt li linji gwida għal din l-iskema għadhom iridu jiġu mnedija, bħal f’kull skema oħra, it-talba għall-għajnuna ser tirrikjedi li l-applikanti jissottomettu dokumentazzjoni li takkumpanja t-talba tagħhom.

Fil-każ fejn seħħew danni materjali, ikun neċessarju li jkun hemm verifika dwar ir-rabta bejn il-ħsara u l-maltempata tat-23 ta' Frar kif ukoll stima tal-ispejjeż għat-tiswija maħruġa b’mod indipendenti, eżempju mingħand Perit.

Fil-każ ta' telf ta' produzzjoni jkun hemm bżonn ta' evidenza ta' x’kien qed jitkabbar fl-għelieqi milquta, bħalma jista’ jkunu riċevuti tat-tħawwil. Aktar dettalji dwar l-iskema u dwar l-informazzjoni li ser tiġi mitluba ser joħroġu fil-ġranet li ġejjin u huwa importanti li l-bidwi jew raħħal jistenna sabiex jimxi skont dawn qabel ma jagħmel bidliet jew spejjeż.

7) Jien għandi bżonn nibda nirranġa l-istruttura issa. Kif nista’ nagħmel sabiex ma nitlifx iċ-ċans li nieħu kumpens?

Filwaqt li wieħed ikun ħerqan li jsewwi d-danni sabiex ikun jista' jkompli jaħdem, bħal f’kull skema, anki ta' assigurazzjoni, ħsarat li ma jkunux ġew verifikati indipendentement, diffiċli biex wieħed ikun jista' joħroġ ħlas fuqhom. Għalhekk nirrikkmandaw ferm li wieħed jistenna t-tnedija tal-linji gwida qabel ma jagħmel xogħolijiet fuq l-istrutturi li beħsiebu jitlob għajnuna fuqhom. F’każ li dan ma jkunx possibbli, nirrikkmandaw li qabel ma tibda x-xogħol tqabbad Perit sabiex jkun jista' jivverifika li l-ħsarat huma konsegwenza tal-maltempata tat-23 ta' Frar. Dan ukoll flimkien ma’ deskrizzjoni tal-istruttura/i milquta, kif ukoll stima tal-ispejjeż ta' tiswija, jista’ ikun mitlub jikkonfermah eventwalment fl-applikazzjoni li toħroġ ġaladarba tiġi varata l-iskema għall-għajnuna. Wieħed ukoll għandu jżomm l-irċevuti fiskali kollha tal-ispejjeż li jkun għamel. Huwa wkoll rakkomandat illi jittieħdu ritratti tad-danni u li dawn ir-ritratti jirriflettu danni li saru fuq raba' u/jew art irreġistrata fuq l-applikant. Ir-ritratti jridu jkunu juru illi huma ritratti tal-pjanti tar-raba’ li huma reġistrati fuq l-applikant.