Public Abattoir

Abattoir Square,
Albert Town,
Marsa MRS 1123

 Telephone (General)
(+356)2292 5900

 Telephone (Administration)
(+356) 2292 5910

 Booking & Cash Office
(+356)2292 5907

 Email

Notices and Features

Il-boll fuq il-laħam: ċertezza ta’ kwalità

Intro: Kwalunkwe konsumatur joqgħod attent x’jixtri b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ikel, għaliex hemm saħħtu u saħħet qrabatu fin-nofs. Huwa għalhekk li r-regolamenti Ewropej u dawk Maltin jistabbilixxu qafas ta’ spezzjonijiet u sinjali biex jiggarantixxu l-kwalità tal-ikel mibjugħ. Il-boll huwa ċ-ċertifikazzjoni ta’ kwalità fis-settur tal-laħam mhux proċessat

Kull biċċa laħam li titpoġġa fis-suq Ewropew mingħajr iproċessar (jiġifieri tkun ħierġa minn biċċerija) għandu jkollha boll li jiċċertifika li din tkun għaddiet minn diversi kontrolli sanitarji inkluż dwar is-saħħa tal-annimal u li tkun inħadmet fi stabbiliment liċenzjat u kkonfermat li qed jaħdem skont ir-regoli Ewropej dwar it-traċċabilità u l-iġene fi stabbilimenti tal-ikel.

Dan joħroġ minn regolamenti Ewropej li jiffurmaw parti mill-hekk imsejħa “Pakkett ta’ Iġene”.

Fil-prattika, il-boll ifisser li l-biċċa laħam inkwestjoni ġejja minn karkassa spezzjonata b’mod rigoruż għall-aħħar skont dawn l-istess regolamenti biex jiżguraw li l-laħam ġej minn annimal b’saħħtu, ħieles minn mard, mediċinali u antibijotiċi, u għadda minn proċess kif imiss u f’temperaturi adegwati.

Fil-biċċerija ta’ Malta, il-kontrolli jsiru minn żewġ tobba veterinarji differenti appuntati mir-regolatur, uf’waqtiet differenti tal-proċess tal-qatla u tindif tal-karkassa. Barra min hekk, il-proċess kollu tal-qatla tal-annimal u t-tindif tal-karkassa isir taħt il-ħarsa ta’ veterinarju ieħor appuntat mit-tmexxija tal-biċċerija. 

Il-kontrolli jibdew hekk kif l-annimal jitwassal fil-biċċerija. Tabib veterinarju jispezzjona kull annimal wieħed wieħed hekk kif jasal. Dan biex ikun żgurat li l-annimal huwa ħieles minn mard, nadif u kien miżmum tajjeb. Permezz ta’ sistema informatika li tgħaqqad l-irziezet kollha ta’ Malta, ikun konfermat kemm l-appartenenza għar-razzett dikjarat kif ukoll li fuq ir-razzett ta’ oriġini ma kienx hemm mard u/jew kwistjonijiet oħra li minħabba fihom l-annimal ma għandux imur għall-konsum uman. L-annimal jinqatel wara li jiġi stordut, dan bil-għan li tkun salvagwardjata l-benesseri tiegħu, kif ukoll biex hekk kif l-annimal ma jibżgħax u hekk jirrilaxxax kimiċi li jisgħtu inaqqsu mill-kwalità tal-laħam. Eventwalment, il-karkassa tiġi mnaddfa f’ambjent iġeniku u skont regoli ta’ iġene Ewropej. Skont l-istess regoli, l-istabbiliment inniffsu jsirulu testijiet perjodiċi biex ikun żgurat li l-livell ta’ iġeni hi skont dik stabbilità.

Fl-aħħar tal-proċess ta’ tindif tal-karkassa, tabib veterinarju ieħor jispezzjona kull karkassa bir-reqqa. Dan jinkludi spezzjoni viżiva tal-interjuri tal-annimal, tal-qalb, kliewi, fwied u partijiet oħra. Jittieħdu ukoll kampjuni minn kull karkassa biex dawn ikunu ttestjati f’laboratorji approvati mir-regolatur. 

Wara l-ispezzjoni, il-karkassi jitqegħdu fiċ-ċiller, fejn it-temperatura tal-laħam titniżżel għal anqas minn 7°C fil-każ tal-karkassa u 3 °C fil-kas tal-interjuri tajbin għall-konsum uman. Minn hawn, il-karkassi jintbagħtu għal fuq trakkijiet li jkollhom l-istess temeperatura. Dan biex ikun żgurat il-kwalità u minimizzat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-laħam inkwestjoni.

Jekk bħala parti mill-verifiki jinstab sinjali ta’ xi mard jew raġunijiet oħra għaliex il-karkassa ma għandiex tmur għall-konsum uman, jew għal xi raġuni sal-mument li l-laħam jiġi biex jitlaq mill-biċċerija dan jitlef it-temperatura, il-karkassa tiġi kkundannata. 

Fl-2014, fil-biċċerija ta’ Malta, ġew ikkundannati 672 karkassa għal raġunijiet differenti. Dawn kienu jinkludu 265 majjal, 216 bovini, 141 nagħġa u 50 mogħża. F’Għawdex kienu kkundannati 32 karkassa li minnhom 30 kienu majjal. Dan fisser ir-rimi effettiv, bejn iż-żewġ biċċeriji, ta’ 17.6 tunnellata ta’ laħam, liema laħam kien maħruq fl-inċineratur biswit il-biċċerija ta’ Malta. 

Karkassi tajbin għall-konsum uman jiġu ttimbrati bil-boll bħala ċertifikazzjoni li l-laħam għadda mill-ispezzjonijiet neċessarji u nstab tajjeb. 

Il-boll huma magħmul minn ċirku ovali mill-anqas 6.5 cm b’4.5 cm u sett ta’ ittri li jindikaw in-numru tal-permess tal-biċċerija minn fejn oriġina dak il-laħam. Fil-każ tal-biċċeriji f’Malta dawn huma MT li jindika li l-biċċerija hija Maltija, ‘001’ għall-biċċerija ta’ Malta u ‘002’ għal dik ta’ Għawdex. L-ittri ‘KE’ jindikaw konformità mar-regolamenti Ewropej. Il-linka użata hija konformi mar-regolamenti dwar kuluri użati mal-ikel.