Is-Swieq tal-Bdiewa

​Is-Suq tal-Bdiewa beda jopera f’Ta’ Qali minn Ottubru 2010 u sa mill-bidu kien suċċess kbir. Jopera kull nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Tlieta, bejn is 7.00 ta’ filgħodu u l-5.00 ta’ wara nofsinhar. Ġo dan is-suq jipparteċipaw tletin bidwi. F’Awissu 2013 infetaħ it-tieni suq, dak tal-Birgu fil-Fortini. Dan is-suq jopera nhar ta’ Sibt biss u jipparteċipaw tnax-il bidwi madanakollu fi żmien qarib dan is-suq ser jibda jopera wkoll nhar ta’ Sibt bejn is-7:00am u 12:00pm. Fis-Suq ta’ Ta’ Qali jiehdu sehem ukoll l-Organizzazzjoni Għaqda Produtturi tal-Laħam tal-fniek, KIM – Koperattiva tal-Majjal Malti, l-Għaqda Produtturi tal-Bajd u Laħam tat-tiġieġ; tal-Ġbejniet; tal-Inbid, tal-Faqqiegħ, tal-Għasel u tal-Fjuri. Insibu wkoll żewġ posti bil-ħut frisk mill-Għaqda Koperattiva tas-Sajjieda. Dawn il-posti kollha jaqgħu taħt kappa tas-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja u Sajd u Drittijiet tal-Annimali.

L-għan ta’ dan is-suq hu li l-konsumatur jixtri mingħand il-bidwi dirett. Il-prodott għall-bejgħ irid ikun prodott lokali, frisk maqtugħ f’inqas minn 24 siegħa. Ix-xogħol jgħaddi minn id waħda, mill-bidwi għall-konsumatur, li barra li jieħu xogħol frisk, il-prodott ikun irħas skont il-lista ta’ prezzijiet li toħrog kull ġimgħa mill-Pitkalija.

Sabiex bidwi jipparteċipa f’dan is-suq irid ikun full-time jew part time, għandu l-għelieqi tiegħu reġistrati mal-IACS fejn il-bidwi jgħaddi l-informazzjoni tal-użu tal-art; irid ikun reġistrat mad-Dipartiment tal-VAT, ikollu ċertifikat tal-food handling, u kull tliet xhur irid jibgħat kif inhuma mqassma l-uċuh tar-raba’. Dan isir sabiex jiġu evitati abbużi u l-prodott ikun 100% lokali. Kull ġurnata li bidwi jarma ġo suq jimla formola fejn jiddikjara x’kellu għall-bejgħ fil-posta tiegħu f’dik il-ġurnata. 75% tax-xogħol ikun tal-bidwi stess filwaqt li l-bdiewa li jieħdu sehem f’dan is-suq ikunu jistgħu ipartu xogħol bejniethom.

Għal min jiġi jixtri minn dan is-suq il-problema ta’ parkeġġ ma teżistix, kif ukoll wieħed jista’ joqgħod jiekol xi ħaġa tajba, sħuna msajra dak il-ħin stess. Wieħed isib ukoll ikel Malti bħal ħobż tal-Malti, qagħaq, biskuttini u dak kollu li joffri l-furnar Malti.

Twaqqaf kumitat li jiltaqa’ darba fix-xahar sabiex jirrappreżenta lill-bdiewa li jipparteċipaw fis-suq. Il-kumitat jieħu ħsieb sabiex jorganizza attivitajiet f’dawn is-swieq speċjalment fi żmien il-festi meta t-tfal ikunu bil-vaganzi. Meta tkun festa pubblika s-suq jarma xorta, għaliex il-prodott ma jissaprotix u jrid jinqala’ xorta waħda.

Inheġġiġkom biex tagħżlu li tixtru prodott lokali sabiex il-ftit bdiewa li fadal hawn Malta jkunu jistgħu ikomplu bil-ħidma tagħhom.