Imnedija l-kampanja ‘Dogs Die in Hot Cars’

Reference Number: PR161409, Press Release Issue Date: Jun 20, 2016
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes, illum nieda l-kampanja Dogs Die in Hot Cars, bl-għan li titqajjem kuxjenza dwar it-tbatija li jgħaddu minnha klieb li jitħallew fil-karozza speċjalment fis-sajf. 

Huwa fatt li t-temperaturi għoljin tas-sajf ikomplu jogħlew b’mod sostanzjali f’karozza magħluqa. Galdes irrimarka li jekk jitħalla f’karozza magħluqa, kelb jiġi affettwat miż-żieda fit-temperatura ħafna aktar mill-bniedem, u li 15-il minuta huma biżżejjed biex kelb isofri heatstroke li jista’ jkun fatali. 

Waqt żjara li għamel fil-Happy Paws Animal Clinic tal-Marsa, is-Segretarju Parlamentari qal li l-kampanja kienet ispirata mill-fatt li d-Dipartiment tal-Animal Welfare jirċievi bejn 15 u 25 rapport simili kull sena. Dan l-ammont jista’ jkun aktar għoli jekk ikun hemm każijiet oħra li ma kinux rappurtati lid-dipartiment. 

Il-kampanja se tkun qed tinforma lill-pubbliku dwar kif għandek tidentifika heat stress f’kelb, kif għandek taġixxi f’każ simili u kif għandek tipprevenih fil-futur. Matul il-kampanja, id-Dipartiment se jkun qed joħroġ stickers, leaflets dettaljati u materjal ieħor li jwassal il-messaġġ biex wieħed iċempel 1717 jekk jara kelb f’diffikultà f’karozza magħluqa. 

Il-messaġġ se jitwassal ukoll permezz ta’ kampanji mal-istudenti tal-iskejjel tas-sajf, bil-kollaborazzjoni tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.