Sit ġdid ta’ żbark tal-ħut fil-Marsa

Reference Number: PR161518, Press Release Issue Date: Jul 06, 2016
 
Illum is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes inawgura sit ġdid ta’ żbark tal-ħut fil-Marsa. Dan se jkun utli biex sajjieda jħottu l-ħut tagħhom hawn qabel ma’ jittieħed fil-Pixkerija l-ġdida li tinsab fil-viċinanzi. 

Il-binja tinkludi uffiċċju tad-dipartiment, coldroom, u faċilitajiet ta’ service pillar minn fejn sajjieda jkunu jistgħu jieħdu provvista ta’ dawl u ilma bi ħlas. 

Il-proġett jinkludi wkoll kisi mill-ġdid tat-triq li twassal għal dan is-sit, il-bini ta’ ħajt imdawwal li jiddefinixxi l-konfini taż-żona, kif ukoll twaħħlu anke gradi u ġiet installata sistema tad-dawl ġdida sabiex titjieb is-sigurtà fiż-żona.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li dan il-proġett ifisser investiment ieħor ta’ ftit aktar minn kwart ta’ miljun ewro, li minnhom €80,000 kienu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għas-Sajd. 

Hu qal li dan il-proġett huwa parti minn proġett akbar tal-gvern li jara titjib ta’ portijiet tas-sajd, fosthom il-Marsa, Marsaskala, San Pawl il-Baħar, ix-Xemxija u l-Imġarr Għawdex. Dawn raw bini mill-ġdid ta’ diversi skallijiet, siti ta’ żbarki, u mollijiet. Hu żied jgħid li l-mira tal-gvern issa ddur fuq il-bini ta’ breakwater f’Marsaxlokk.

Roderick Galdes temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tas-Sajd, u lis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg li ma setax jattendi l-inawgurazzjoni peress li kien indispost wara intervent mediku.