Regoli ġodda għall-istaġun tal-kaċċa fil-Ħarifa

Reference Number: PR161842, Press Release Issue Date: Aug 30, 2016
 

Bħas-snin preċedenti u kif stipulat fil-Regolament dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (LS 549.42), il-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art ser tkun permessa bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Jannar, iż-żewġ dati inklużi, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx mit-Tnejn sas-Sibt, u minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-13:00 fil-Ħdud u l-Festi. Madankollu l-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art bejn il-15 ta’  Settembru u 7 ta’ Ottubru  (iż-żewġ dati inklużi) mhix permessa mit-Tnejn sas-Sibt mis-7 pm sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara.

L-istess restrizzjonijiet fil-ħinijiet japplikaw ukoll għall-kaċċa tal-fenek selvaġġ, li hija permessa sal-31 ta’ Diċembru.

Il-kaċċa tal-għasafar minn fuq il-baħar ser tkun permessa mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Jannar matul l-istess ħinijiet bħal dawk applikabbli għall-kaċċa minn fuq l-art, iżda mill-1 ta’Ottubru sas-7 ta’ Ottubru il-kaċċa fuq il-baħar mhix permessa mit-Tnejn sas-Sibt mis-7 pm sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara.

Il-kaċċaturi jistgħu biss jikkaċċjaw għall-ispeċi li għalihom huma liċenzjati skont il-kategorija tal-liċenzja tagħhom.

Skont ir-regolamenti l-ġodda li daħlu fis-seħħ aktar kmieni din is-sena (Avviż Legali 69 ta’ 2016) u skont l-istruzzjonijiet li hemm fil-ktejjeb informattiv mqassam flimkien mal-liċenzji tal-kaċċa, il-kaċċaturi liċenzjati huma obbligati jirrappurtaw l-għasafar maqbuda permezz ta’ sistema tat-telefon qabel ma jitilqu miż-żona li fiha jkunu qed jikkaċċjaw. Dan l-obbligu issostitwixxa is-sistema preċedenti li kienet dik li tirrapporta permezz tal-Carnet de Chasse.

Flimkien ma’ dan il-metodu ta’ rappurtar, kien hemm ukoll bidliet jikkonċernaw l-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati. Minħabba li l-klassifikazzjoni tal-istatus legali tas-Serra (Mergus serrator) inbidel, il-kaċċa ta’ din l-ispeċi m’għadhiex permessa. Barra minn hekk, skont l-Avviż Legali 77 ta’ 2016, il-kaċċa għall-Gamiema (Streptopelia turtur) għandha tkun permessa biss mill-1 sat-30 ta’ Settembru, bi kwota nazzjonali ta’ 7,000 għasfur. Kaċċa għal-gamiem barra minn dan il-perjodu mhix permessa u kwalunkwe reat għandu jiġi penalizzat skont il-liġi.

It-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi innutat progress sodisfaċenti u bidla pożittiva ħafna f’dawn l-aħħar tliet snin. Madankollu huwa importanti li dan il-progress, li huwa riżultat ta’ koperazzjoni bejn il-Gvern, il-membri tal-komunitajiet tal-kaċċa, u l-NGOs li jaħdmu għall-ħarsien tal-għasafar, jinżamm u jiġi kkonsolidat aktar fiż-żmien li ġej.

Filwaqt li jkompli jsir enfażi lill-kaċċaturi kollha u l-organizzazzjonijiet tal-kaċċa biex ma jittoleraw ebda illegalitajiet, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi u entitajiet li jinfurzaw il-liġi għandhom ikomplu jissorveljaw b’mod rigoruż u jinfurzaw il-konformità mar-regolamenti applikabbli permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post.

Kull min jinqabad jispara jew jonsob speċi protetti hekk kif inhuma elenkati fl-Iskedi I u IX tar-Regolament dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar awtomatikament se jkunu suġġett għal piena li tinkludi €5,000 multa, u / jew priġunerija għal sena, kif ukoll revoka permanenti jew projbizzjoni fuq ksib ta’ liċenzja tal-kaċċa jew insib, u l-konfiska tal-corpus delicti. Fil-każ tat-tieni reat jew reat sussegwenti, il-piena applikabbli titla’ għal multa ta’€ 10,000, konfiska, u / jew priġunerija għal sentejn. Penali għal kull irregolaritajiet oħrajn, inkluż għal nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ għasafar maqbuda permezz tat-telefon għandhom jiġu applikati ukoll.