Prodotti agro-tradizzjonali li ilhom jiġu preparati għal aktar minn 25 sena jistgħu jiġu inklużi f’reġistru nazzjonali

Reference Number: PR180850, Press Release Issue Date: Apr 19, 2018
​Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri nieda l-applikazzjonijiet għar-reġistru nazzjonali ta’ prodotti agri-alimentari tradizzjonali ta’ Malta u Għawdex. Dan ifisser li prodotti agro-tradizzjonali li ilhom jiġu preparati għal aktar minn 25 sena jistgħu jiġu inklużi f’dan ir-reġistru.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet huwa qal li “s-segretarjat parlamentari li jien responsabbli minnu ddeċieda li jiffoka b’mod speċjali fuq setturi speċjalizzati biex isaħħaħ il-prodotti tradizzjonali li fihom il-prodotti agrikoli jew it-tnissil ta’ dawn il-prodotti ġew ipproċessati skont riċetti antiki.”

Mal-medda taż-żmien l-ikel tradizzjonali beda jitwarrab, ma baqax jiġi mfittex u beda jintnesa. Dawn il-platti tradizzjonali llum jinstabu qalb ftit familji, imma x’jiġri ladarba jgħaddi iktar żmien? “Din hija r-raġuni għaliex ħassejna l-bżonn li jkun stabbilit reġistru nazzjonali għall-prodotti agri-alimentari tradizzjonali Maltin u Għawdxin”, sostna Camilleri.

Il-biedja f’Malta, meta kkumparata ma’ dik moderna, affaċċjat kundizzjonijiet żvantaġġjati. L-agrikoltura moderna, li tinvolvi għadd ta’ mekkaniżmi, teħtieġ ukoll estensjonijiet ta’ art ċatta li f’pajjiżna huma nieqsa. Madanakollu, huma dawn il-kundizzjonijiet naturali li jippermettu li f’territorju daqshekk żgħir li jkollna produzzjoni ta’ prodotti tant bnina u varjata.

Marco Dimech, assistent direttur mid-Dipartiment tal-Agrikoltura, spjega li sabiex prodott ikun rikonoxxut fir-reġistru tal-Prodotti Agrikoli Tradizzjonali għandu jkun “prodott li l-ipproċessar, il-preservazzjoni u l-metodi ta’ maturazzjoni tiegħu huma kkonsolidati biż-żmien u għandhom użu ppruvat fis-suq Malti għal perjodu li jippermetti t-trasmissjoni bejn il-ġenerazzjonijiet, liema perjodu mhuwiex anqas minn 25 sena”

Biex dan seta’ jkun implimentat, kien imfassal avviż legali biex ikun stabbilit kemm ir-reġistru uffiċjali kif ukoll jiddefinixxi x’jikkwalifika bħala prodott agro-tradizzjonali. Fil-fatt, mil-lum id-Direttorat għall-Agrikoltura jista’ jibda jilqa’ l-appikazzjonijiet sabiex ‘prodotti agro-tradizzjonali’  li ilhom għal snin twal jiġu trasmessi lill-ġenerazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti uffiċjalment f’reġistru apposta. 

L-applikazzjoni għall-inklużjoni f’dan ir-reġistru se tiġi assessjata minn board apposta, u wara l-perjodu ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku, il-board jiddeċiedi jekk il-prodott jistax jidħol fir-reġistru. Ir-reġistru se jservi bħala mezz sabiex jiġu rikonoxxuti l-prodotti agro-tradizzjonali.

Clint Camilleri spjega li dan qiegħed issir sabiex il-partimonju agro-kulinari Malti jkun jista’ jkompli jissaħħaħ u jkun salvagwardjat kif ukoll jagħti l-possibbiltà li dawn il-prodotti jaslu sabiex jiġu rikonoxxutti anke fuq livell Ewropew.

Barra minn hekk, is-Segretarju Parlamentari elenka wħud mill-miri li diġà lħaqna fis-settur agrikolu bi skemi oħra li tnedew ftit tax-xhur ilu, fosthom l-investiment fil-kampanja ta’ promozzjoni tal-inbid Wines of Distinction, bl-għan li tqajjem kuxjenza u interess dwar il-karattru distintiv ta’ nbejjed ta’ kwalità prodotti f’Malta. Huwa qal li l-Gvern dejjem emmen f’politika ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli f’Malta għax jemmen fit-tjubija intrinsika ta’ ħafna mill-prodotti ta’ pajjiżna u għalhekk tnediet l-iskema nazzjonali Prodott ta’ Kwalità, skema li permezz tagħha se jiggwadanjaw kemm il-konsumatur kif ukoll il-produttur. Clint Camilleri qal li huwa ta’ sodisfazzjoni għal dan il-gvern li, għall-ewwel darba f’pajjiżna, nedejna wkoll il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għall-Politika Nazzjonali għall-Agrikoltura għall-10 snin li ġejjin, u temm jgħid kif it-tnedija tal-lum tiżdied mas-suċċessi li diġà ksibna.

Kull min hu interessat jista’ jsib aktar informazzjoni fuq is-sit www.ikeltakwalita.gov.mt jew billi jibgħat e-mail fuq ikeltakwalita.mesdc@gov.mt

Ritratti: DOI/MESDC_PS