Malta b’pożizzjoni kontra żidiet fil-kontrolli u fl-obbligi għad-detriment tas-sajjieda ż-żgħar

Reference Number: PR181381, Press Release Issue Date: Jun 18, 2018
Waqt laqgħa tal-Ministri Ewropej tal-Agrikoltura u s-Sajd fil-Lussemburgu, Malta ħadet pożizzjoni ċara favur is-sajjieda, speċjalment dwar is-sajjieda ż-żgħar. Dan hekk kif bdiet tiġi diskussa l-proposta l-ġdida li resqet il-Kummissjoni Ewropea fuq il-Politika Komuni għas-Sajd, fejn din issuġġeriet iż-żieda ta’ kontrolli li effettivament ifissru piżijiet finanzjarji u aktar burokrazija fuq is-sajjieda ż-żgħar. 
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri immedjetament esprima l-fehma tiegħu kontra din il-proposta. Huwa qal li, “filwaqt li nilqgħu r-riforma f’din il-politika li tindirizza numru ta’ kwistjonijiet fejn jidħlu l-immaniġġjar u t-twettiq tagħha, Malta però qiegħda tħoss li din il-politika se ddaħħal obbligi ġodda, obbligi aktar riġidi fuq is-sajjeida ż-żgħar, speċjalment fuq id-dgħajjes ta’ taħt it-12-il metru. Malta ma taqbilx ma’ din il-proposta għaliex effettivament se tkun qiegħda taqta’ qalb is-sajjieda, se tkun qiegħda tpoġġi obbligi esaġerati fuq is-sajjied, speċjalment fuq is-sajjied iż-żgħir Malti u għaldaqstant filwaqt li nemmnu li jrid ikun hemm regoli, li jrid ikun hemm sigurtà, li jrid ikun hemm ukoll kontrolli, wieħed irid jindirizza dawn b’mod sensittiv, b’mod li jagħmilx ħsara lil dan is-settur.”
 
Is-Segretarju Parlamentari enfasizza li din il-proposta teħtieġ li tassigura sistema ta’ kontroll aktar effettiva u effiċjenti li tiżgura kundizzjonijiet indaqs fl-Unjoni Ewropea. Clint Camilleri kompla jgħid li jemmen li wasal iż-żmien biex nagħtu stabbiltà lil dan is-settur ta’ sajjieda żgħar. Hawnhekk semma kif diġà esperjenzajna numru ta’ kontrolli li wasslu biex is-settur tas-sajd ikun iżolat u f’diffikultà kbira u qal li għalhekk din il-proposta tista’ twassal għal riperkussjonijiet soċjali u ekonomiċi f’dan is-settur.
 
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri esprima kemm ir-reviżjoni tas-sistema ta’ kontroll ilha mistennija għaliex preżentament qed twassal għal piż amministrattiv u kundizzjonijiet mhux ugwali bejn is-sajjieda madwar l-Unjoni Ewropea.