L-Imnarja 2018—Festa bi tradizzjoni u innovazzjonijiet

Reference Number: PR181401, Press Release Issue Date: Jun 20, 2018
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-akbar avveniment agrikolu tas-sena, l-Imnarja. Bħalissa qegħdin isiru l-aħħar tħejjijiet fil-Ġonna tal-Buskett sabiex titkompla t-tradizzjoni annwali fejn il-bdiewa, ir-raħħala kif ukoll il-poplu inġenerali jipparteċipaw f’dan l-avveniment.

Clint Camilleri qal li din hija t-tieni darba li se jkun qiegħed jattendi għall-festa tal-Imnarja bħala Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali. “Wara s-suċċess tal-Imnarja tas-sena li għaddiet, ħsibna sabiex inkomplu nagħtu l-importanza li tixraq lil din il-festa. Fil-fatt, din is-sena wkoll għall-ewwel darba fil-ġurnata tal-Imnarja, il-Palazz Verdala ħa jkun miftuħ għall-pubbliku biex min jattendi japprezza r-rikkezzi li fih u x-xogħol ta’ id il-bennej Malti minn żmien ilu”, stqarr is-Segretarju Parlamentari. 

Huma bosta raħħala, bdiewa u dilettanti tal-agrikoltura li jkunu qegħdin jistennew bil-ħerqa l-akbar wirja u l-aktar kompetizzjoni akkanita tal-prodotti agrikoli. Fl-Imnarja, il-viżitaturi jistgħu japprezzaw il-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala li jaħdmu qatigħ matul is-sena kollha u li jkabbru prodotti għall-ikel u jindukraw l-annimali b’tant imħabba, għożża u kburija.

Din il-wirja li ħadet dimensjoni nazzjonali tiġbed uċuħ ġodda li jżuruna ta’ kull sena u huwa ta’ sodisfazzjon li tara li familji sħaħ li ilhom jaħdmu l-art u jipparteċipaw għal snin sħaħ, żammew mal-pass ta’ missirijiethom li kienu l-pijunieri tal-wirjiet tal-Imnarja. F’din il-wirja se jkun hemm esibituri li jtellgħu prodotti mkabbrin f’pajjiżna u se jkun hemm ukoll kompetizzjonijiet ta’ diversi klassijiet ta’ ħxejjex, frott, ċereali, newl jew qoton li jintużaw fl-industrija tat-tessuti. F’din l-attività jkun hemm diversi speċi ta’ bhejjem, fosthom nagħaġ u mogħoż, baqar, żwiemel, klieb, tjur u fniek imkabbrin fl-irziezet lokali. 

Clint Camilleri qal li filwaqt li jum l-Imnarja għall-antenati tagħna kien wieħed ta’ importanza nazzjonali, għaliex kien jimmarka t-tmiem ta’ żmien il-ħsad, sekli wara, din il-festa tibqa’ ċelebrazzjoni ewlenija tal-bżulija tal-bdiewa, tar-raħħala u tal-produtturi Maltin u Għawdxin. “Il-ħidma tagħna tissokta sabiex inkomplu nagħtu l-importanza li tixraq lil dan is-settur tant essenzjali għal pajjiżna. Wara kollox is-suċċess tagħkom jibqa’ l-għan prinċipali tagħna”, qal is-Segretarju Parlamentari. 

Il-ftuħ ta’ din l-attività jibda b’parata taż-żwiemel armati fis-6.30 ta’ filgħaxija li din is-sena se titlaq minn Triq il-Buskett, ir-Rabat, bil-mistednin distinti li jinkludu l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri. Dawn se jkunu akkumpanjati minn parata mtellgħa mill-iscouts ta’ Ħad-Dingli u l-Kavallerija tal-Pulizija li lkoll flimkien se jinżlu għall-Buskett fejn imbagħad tibda l-attività.

Fil-Ġonna tal-Buskett, il-pubbliku jkun jista’ jgawdi esebizzjonijiet tal-isbaħ u l-aqwa prodotti tal-ortikultura li se jibqgħu miftuħin sa nofsillejl. Barra minn hekk, il-banda, il-gruppi folkloristiċi, l-għannejja u oħrajn se jkunu għaddejjin fil-madwar. Il-Ġimgħa, wara li l-ġurija tispiċċa l-aġġudikazzjoni tal-kompetizzjoni tal-bhejjem għall-ħabta ta’ nofsinhar, ikun hemm l-għoti tal- premjijiet.

Se jkun hemm offrut ukoll shuttle service minn Triq l-Infetti sal-Buskett li tieqaf ħdejn il-Winery, li għall-ewwel darba din is-sena se tkun miftuħa għall-pubbliku sabiex ikollu ċ-ċans jara kif isir il-proċess tal-inbid mill-ħaddiema tal-Għammieri.

F’wieħed mill-irziezet li nsibu ġewwa l-Ġonna tal-Buskett, għall-ewwel darba wkoll se jkun hemm żewġ swali—waħda ddedikata għall-kompetizzjoni tal-għasafar imwielda Malta, u sala oħra ddedikata għall-entitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħut ġewwa Malta.

Kulħadd huwa mistieden biex jattendi għall-festa tal-Imnarja fil-Ġonna tal-Buskett nhar il-Ħamis 28 ta’ Ġunju mill-17.00 ‘l quddiem, u l-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju mis-7.00 ‘l quddiem. Fost ħafna gabbani ta’ informazzjoni, artiġjanat u pjanti żgur li ma jonqosx li jkun hemm gabbani tal-ikel, ħelu u xorb tradizzjonali Malti. 

Min jixtieq jipparteċipa f’din il-wirja għandu jibbukja fl-uffiċċju ġewwa l-Għammieri, Triq Ħal Luqa, Luqa. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna www.facebook.com/NisgetArtna​.