Regolamenti ġodda dwar iż-żamma tal-klieb: daqshekk klieb marbutin bi ktajjen

Reference Number: PR182140, Press Release Issue Date: Oct 05, 2018
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ħabbar regolamenti ġodda dwar iż-żamma tal-klieb li permezz tagħhom sar illegali li l-klieb jintrabtu bi ktajjen jew b’materjal ieħor bħala mezz primarju ta’ żamma tagħhom.

Clint Camilleri qal li din il-leġiżlazzjoni sussidjarja ġdida ssegwi konsultazzjonijiet li saru mal-NGOs li jaħdmu favur il-ħarsien tal-annimali. Żied li din il-leġiżlazzjoni se tiżgura li l-irbit ta’ klieb ikun ikkunsidrat bħala trattament illegali f’ċerti każijiet. Waqt konferenza stampa, is-Segretarju Parlamentari spjega li din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li telimina kull forma ta’ tbatija lill-klieb li jinkludu: 
  • L-irbit jew it-trażżin ta’ klieb ma’ kwalunkwe oġġett wieqaf bħala mezz permanenti jew primarju ta’ żamma ta’ kelb, m’għandhiex tapplika għal waqt proċeduri veterinarji jew matul it-trasportazzjoni ta’ klieb;
  • L-użu ta’ kullar inadekwat - l-irbit jew it-trażżin ta’ klieb bi kwalunkwe mezz inklużi imma mhux limitati biss għal katina, ħabel, korda, ċinga, taljola jew cable run, iżda ma tinkludix l-użu ta’ ċinga adattata meta persuna tmexxi kelb f’post pubbliku, jew waqt servizzi veterinarji jew ta’ infurzar kemm mill-veterinarji kif ukoll mill-uffiċjali tal-ħarsien tal-annimali;
  • Ambjent/post inadekwat fejn jinżamm il-kelb li jinkludu fost l-oħrajn: l-art li fuqha jinżammu l-klieb, iċ-ċirkolazzjoni tal-arja, il-livelli ta’ trabijiet, it-temperatura, eċċ... b’tali mod li ma jkunux ta’ dannu għall-annimali, il-klieb m’għandhomx jinżammu fi dlam permanenti u lanqas mingħajr perjodu xieraq ta’ mistrieħ minn dawl artifiċjali. Kull annimali għandu jingħata l-ispazju xieraq għall-bżonnijiet fiżjoloġiċi u eteoloġiċi skont l-esperjenza u t-tagħrif xjentifiku stabbiliti.
  • Trasportazzjoni inadekwata - matul it-trasportazzjoni ta’ klieb fi kwalunkwe vettura għandhom jittieħdu l-miżuri ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà neċessarji.

Is-Segretarju Parlamentari qal li sal-lum l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali (KAP 439) ma kien ikopri l-ebda leġiżlazzjoni sussidjarja biex tkun regolata ż-żamma tal-klieb. Għalhekk kien imperattiv li dawn ir-regolamenti ġodda jidħlu fis-seħħ għax issa se jiżguraw li l-ebda individwu ma jorbot, jaqfel, jorbot b’katina jew jirrestrinġi l-kelb ma’ kwalunkwe oġġett wieqaf bħala mezz primarju ta’ żamma tal-kelb. 

Barra minn hekk din il-leġiżlazzjoni sussidjajra ġdida tinkludi regolamenti dwar iż-żona adekwata li fiha jinżamm kelb u dwar it-trasportazzjoni adekwata tal-klieb.

Bħala segretarju parlamentari responsabbli mid-drittijiet tal-annimali, Clint Camilleri spjega li l-klieb huma ħlejjaq soċjevoli li jeħtieġu interazzjoni ma’ nies u/jew ma’ annimali oħrajn. Għalhekk it-trażżin permanenti jew għal ħin twil jista’ jagħmlilhom ħsara fiżika u psikoloġika severa. 

Clint Camilleri enfasizza li dan il-gvern dejjem kien u se jibqa’ kommess li jħares it-trattament xieraq tal-annimali. Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda li mhux biss saru illegali l-irbit u t-trażżin ta’ klieb għal perjodi twal, iżda ġew projbiti wkoll kullari inadekwati u ddaħħlu speċifikazzjonijiet ġodda għall-kumpartiment ta’ kelb biex nassiguraw li l-ebda kelb ma jiġi ristrett fi kwalunkwe ħin b’mod li jikkawżawlu tbatija jew ġrieħi.

 
Ritratti (MESDC_PS)