Se jinfetaħ l-istaġun għall-insib tal-pluviera u l-malvizz

Reference Number: PR182239, Press Release Issue Date: Oct 17, 2018
​Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ħabbar li għal din is-sena mill-20 ta’ Ottubru se jinfetaħ l-istaġun għall-insib tal-pluviera u l-malvizz wara li l-Gvern laqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ORNIS. Camilleri ħabbar ukoll li wasal fi qbil fil-prinċipju mal-Kummissjoni Ewropea fuq il-parameteri li bih ser ikun qiegħed jiftaħ dan l-istaġun. 

Il-Perit Camilleri qal li dan sar, “wara laqgħat li għamilna f’dawn l-aħħar ġimgħat fejn flimkien ma’ uffiċjali tal-Gvern fi ħdan ir-rappreżentanza permanenti Maltija fi Brussell, kif ukoll uffiċjali mill-Ministeru wasalna għal qbil mal-Kummissjoni Ewropea li effettivament ifisser li fil-prinċipju u kif qiegħda tiġi applikata d-deroga, qegħdin nindirizzaw id-dubji serji li kellha l-istess Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha meta kienet ikkomunikat il-post reasoned opinion lura fl-2012. Nifhmu li l-Kummissjoni Ewropea kellha l-intenzjoni li tmexxi bil-kawża kontra Malta li kieku Malta applikat id-deroga skont il-parametri li kienu jiġu applikat fi snin l-imgħoddija.” 

Is-Segretarju Parlamentari sostna li dan ifisser illi kieku l-Gvern Malti ma kienx proattiv u ma marx Brussell sabiex nitkellmu, nikkonvinċu, u nindirizzaw numru ta’ kwistjonijiet li kellha l-Kummissjoni fuq din id-derogam potenzjalment l-insib f’Malta kien se jieqaf darba għal dejjem u kien isir biss xi ħaġa tal-passat. Il-ħidma ta’ dan il-Gvern dawret dan kollu. L-insib f’Malta baqagħlu futur. 

Is-Segretarju Parlamentari spjega li dan il-Gvern kif ħabbar sa mill-bidu nett, qiegħed jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qrati Ewropej li ħarġet lura f’Lulju 2018 rigward l-insib tal-għana u għaldaqstant bdew id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea biex il-prinċipji tas-sentenza li ngħatat u l-kunsiderazzjonijiet li kellha l-Kummissjoni jkunu diskussi qabel ma nkunu qegħdin napplikaw għal deroga għall-istagun tal-insib għall-pluviera u l-malvizz.

Clint Camilleri stqarr li, “dawn id-diskussjonijiet ħallew il-frott meħtieġ, u dan għaliex wasalna għal qbil dwar numru ta’ prinċipji partikolarment dwar is-selettività, it-trasparenza, deroga limitata fl-iskop tagħha, kif ukoll l-infurzar. Fhimna l-argumenti mressqa dwar is-selettività fejn l-għan ewlieni huwa li dan l-istaġun tal-insib jinqabdu biss il-pluviera u l-malvizz”. 

Għal dan il-għan qegħdin:
  • jitkabbru l-malji tax-xibka minn minimu ta’ 30mm għal 45mm, anke kif rakkommandat mill-ORNIS.
  • Iridu jitattew jew jitneħħew ix-xbieki qabel in-nassab jitlaq minn fuq il-post u fi kwalunkwe ħin li l-insib mhux permess (jiġifieri minn sagħtejn wara nżul ix-xemx sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx).

Camilleri spjega kif apparti dan, “naqqasna l-ammont ta’ mnasab bin-nofs billi ppermettejna li nassab jista’ juża stazzjon wieħed minflok tnejn. Kull stazzjon jista’ jkollu sa massimu ta’ żewġ imnasab. Qegħdin indaħħlu wkoll kwota nazzjonali ta’ 5,000 malvizz u 700 pluviera.” 

Għall-ewwel darba wkoll qegħdin ikunu ppubblikati l-postijiet tal-imnasab li hemm reġistrati għal dan l-istaġun u qegħdin pubbliċi fuq il-website tad-WBRU għal konsum pubbliku filwaqt li qegħdin nirrispettaw il-protezzjoni privata tan-nassab. Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri sostna li, “apparti dan, hekk kif għamilna f’dawn l-aħħar ġimgħat, ser inkomplu bi djalogu miftuħ mal-Kummissjoni Ewropea”.

Biex ikun indirizzat l-aspett ta’ infurzar, intlaħaq ftehim illi matul dan l-istaġun ser ikun hemm aktar riżorsi li qegħdin jiġu allokati għall-infurzar u dawn imqassmin skont żoni differenti hekk kif deskritti fi proċeduri li daħħalna fil-liġi. Il-liġijiet rispettivi ser ikunu qegħdin jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern nhar il-Ġimgħa, u l-Gvern ikkonferma li mhux ser ikun qiegħed joħroġ in-notifika sabiex tidħol fis-seħħ deroga dwar l-insib tal-għasafar tal-għana.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri temm jgħid li, “emminna li bi sforz raġunat nistgħu naslu, fejn permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet il-Gvern wera u qiegħed juri b’mod ċar ir-rieda li jsostni il-prattika tal-insib però b’mod sostenibbli. Dawn il-parametri qegħdin hemm biex jigu osservati u għaldaqstant qegħdin nesiġu dwar il-konformità ma’ dawn il-miżuri li qegħdin nieħdu”.