Titlesta Triq Wied l-Infern fiż-Żebbuġ, Għawdex - ikomplu jitlestew aktar toroq fil-gżira Għawdxija

Reference Number: PR190105, Press Release Issue Date: Jan 21, 2019
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri indirizza konferenza stampa fiż-Żebbuġ, Għawdex, fejn tlestiet Triq Wied l-Infern, waħda mis-16-il triq rurali f’Għawdex li ġew mtejba għall-benefiċċju tas-settur agrikolu u l-komunitajiet rurali. Camilleri qal li 61 triq rurali, li jammontaw ’il fuq minn €11-il miljun, qegħdin isiru f’Malta u f’Għawdex bħala parti miż-żewġ miżuri biex jinbnew it-toroq rurali biex jiġu rranġati l-ħitan tas-sejjieħ. 

Is-Segretarju Parlamentari Camilleri tenna kif permezz ta’ dawn il-fondi qegħdin igawdu numru ta’ kunsilli lokali, fosthom lokalitajiet Għawdxin li huma Ta’ Sannat, in-Nadur, ix-Xagħra, Kerċem, l-Għarb, u ż-Żebbuġ. ’Il fuq minn 1,000 bidwi qegħdin jibbenifikaw minn dan it-titjib fl-aċċess ta’ toroq rurali madwar il-gżejjer tagħna biex b’hekk ikunu jistgħu jtejbu l-attivitajiet tagħhom kif ukoll iżidu l-effiċjenza. Huwa spjega kif Triq Wied l-Infern hija waħda mit-toroq rurali li huma ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Malti, u li jaqgħu taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020, u qal li l-għan tal-miżura 4.3 huwa li tingħata għajnuna sabiex kunsilli lokali u entititajiet oħra jkunu jistgħu jimplimentaw proġetti li permezz tagħhom jitjieb l-aċċess għar-raba’ u attivitajiet oħra agrikoli. 

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-mira tal-Gvern hi li jkompli jkun dak li jintervjeni b’mod li jtejjeb il-kundizzjonijiet, l-infrastruttura u l-opportunitajiet li għandhom il-bdiewa li jwettqu l-attività tagħhom b’mod li jilħaq l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tagħhom, kif ukoll il-miri tal-Politika Agrikola Komuni. Hu kompla jgħid li fost affarijiet oħra dan ifisser li rridu ngħinu lill-bidwi jkollu aċċess aħjar għar-raba’, u li jtejjeb il-kontribut tal-għelieqi tiegħu għaż-żamma tal-ħamrija u l-bijodiversità.

Is-Sindku taż-Żebbuġ Nicky Saliba rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għal dawn il-fondi sabiex jittejbu t-toroq ruali. Fil-fatt, il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ ibbenefika minn €315,494 f’fondi għal dan it-titjib.

Camilleri temm jgħid li biex is-settur agrikolu jkun aktar sostenibbli rridu naraw l-introduzzjoni ta’ aktar metodi innovattivi u moderni. Dan huwa l-għan tal-gvern u proprju r-raġuni għall-bżonn li nkunu proattivi u nagħtu spinta ’l quddiem sabiex nimplimentaw infrastruttura adegwata għall-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.

Ritratti: MESDC