STQARRIJA STAMPA MAĦRUĠA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI | Titnieda l-ewwel Fiera Agrikola Nazzjonali – promoss il-kunċett Farm-to-Fork

Reference Number: PR192627, Press Release Issue Date: Dec 10, 2019
Parliamentary Secretary for Agriculture, Fisheries and Animal Rights Clint Camilleri launches The Malta AgriFair 2020
​Titnieda l-ewwel Fiera Agrikola Nazzjonali – promoss il-kunċett Farm-to-Fork

Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri nieda l-ewwel Fiera Agrikola Nazzjonali f’pajjiżna li se tittella’ fl-MFCC bejn il-Ġimgħa 24 u l-Ħadd 26 ta’ April. Camilleri fakkar li fil-baġit għas-sena d-dieħla, ġew allokati €650,000 proprju biex tittella’ l-ewwel Fiera Agrikola Nazzjonali li matulha se tingħata opportunità sabiex il-bdiewa, ir-raħħala u l-produtturi Maltin jesibixxu l-prodott tagħhom lill-iktar udjenza wiesgħa possibbli. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura u s-Sajd qal li din il-fiera se jiggwadanjaw minnha l-bdiewa, ir-raħħala, il-produtturi ta’ prodotti agrikoli lokali, kif ukoll il-pubbliku b’mod ġenerali. Fil-fatt spjega li “l-għan prinċipali ta’ din il-Fiera, li se tkun mifruxa fuq tlett ijiem, huwa li jinġiebu flimkien l-istakeholders tas-setturi Agrikolu u tas-Sajd, mill-organizzazzjonijiet żgħar sa negozji medji.”
Il-fiera se tiprovdi pjattafoma kemm għall-komunità tal-biedja lokali, kif ukoll għall-produtturi, biex tinforma lill-pubbliku ġenerali dwar il-prodotti u s-servizzi tal-industrija.

Camilleri kompla jgħid li l-avveniment huwa mmirat ukoll biex jippromwovi l-agribusiness u l-opportunitajiet li hemm fil-biedja u s-sajd, kif ukoll joħloq opportunità ta’ networking għall-istakeholders involuti fis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd. Huwa elabora kif “il-kunċett wara dan l-avveniment huwa dak ta’ Farm-to-Fork, li permezz tiegħu s-sistema tal-food chain tal-produzzjoni tal-ikel, il-ħsad, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-proċessi ta’ konsum jintwerew bl-iktar mod viżiv, innovattiv u interrattiv.”  

Il-Fiera Agrikola Nazzjonali 2020  se jkollha l-għan li tilħaq wieħed mill-objettivi stabbiliti fil-Politikal Agrikola Nazzjonali 2018-2028, li l-attivitajiet soċjali u kulturali huma essenzjali biex titqajjem kuxjenza dwar il-prodott lokali offrut. F’dan ir-rigward din il-Fiera tista’ sservi ta’ pjattaforma biex tqajjem kuxjenza dwar il-prodotti disponibbli fis-suq.  

L-Onor. Camilleri kompla jgħid li l-fiera hija mmirata mhux biss għall-istakeholders li jipparteċipaw u għall-persuni direttament involuti fis-settur agrikolu lokali, imma għandha l-għan ukoll li tilħaq lill-pubbliku inġenerali, permezz ta’ kampanja promozzjonali b’saħħitha fuq livell nazzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri spjega li din mhijiex esibizzjoni kulturali tradizzjonali imma se tkun esperjenza interattiva tal-proċess farm-to-fork. Il-Fiera Agrikola f’Malta se tkun qed tippromwovi l-prattiċi kontemporanji addottati fis-settur agrikolu: li huma innovattivi, moderni u teknoloġiċi. 

Camilleri tkellem dwar l-idea żbaljata ta’ min jaħseb li l-biedja f’Malta għadha mwaħħla mat-tradizzjoni u qal li kif jidher permezz ta’ diversi teknoloġiji u prattiċi innovattivi disponibbli għall-individwi li jużawhom kuljum, dan mhuwiex il-każ. Il-bdiewa llum saru jaddottaw metodi aħjar u aktar effiċjenti.

Madwar 82 esibitur huma mistennija li jipparteċipaw f’dan l-avveniment, b’dawk li se jattendu se jkunu jistgħu jgawdu diversi aspetti teknoloġiċi tal-biedja. Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri temm jgħid li l-Fiera Agrikola Nazzjonali se toffri l-aqwa atmosfera biex ikun promoss aktar il-valur nutrittiv tal-prodotti u l-opportunitajiet ta’ xogħol li jirriżultaw minnu.